[go: nahoru, domu]

Aqbeż għall-kontentut

Manchester United FC

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Din hija reviżjoni antika ta' din il-paġna, hekk kif ġiet modifikata minn Ptbotgourou (diskussjoni | kontribuzzjonijiet) nhar 18:27, 7 Novembru 2012. Din tista' tvarja mir-reviżjoni attwali.
Manchester United FC
Isem sħiħ Manchester United Football Club
Ismijiet oħra The Red Devils[1]
Fundazzjoni 1878, bħala Newton Heath L&YR FC
Grawnd Old Trafford, Greater Manchester
Proprjetarju Manchester United Limited (en) Translate
President Joel Glazer (en) Translate
Avram Glazer (en) Translate
Frederick Attock (en) Translate
Kowċ Alex Ferguson
Kampjonat Premier League
L-ewwel
It-tieni
It-tielet
Sit uffiċjali

Manchester United Football Club huwa klabb tal-futbol professjonali Ingliż ibbażat ġewwa Old Trafford, Greater Manchester. Il-klabb ifforma ruħu taħt l-isem ta' Newton Heath fl-1878, ingħaqad fil-Football League fl-1892, sakemm biddel ismu għal Manchester United fl-1902. Hu hu wkoll wieħed fost il-membri fundaturi tal-Premier League fl-1992.

Il-klabb huwa l-iktar klabb b'suċċessi fil-futbol Ingliż, b'19-il kampjonat, rekord ta' 11-il FA Cup u erba' League Cups.[2] Manchester United rebħu wkoll tliet Tazzi taċ-Ċampjins u hu l-uniku klabb Ingliż li kien ċampjin tad-dinja, fl-1999 u l-2008.

Manchester United huwa wieħed mill-iktar klabbs segwiti u sinjuri fid-dinja.[3] Jingħad li l-klabb jiswa' mal-£1.13-il biljun, ċifra li tpoġġieh bħala l-aktar klabb tal-futbol sinjur fid-dinja. Fl-2005, il-klabb ġie mixtri mill-familja Glazer għal somma li ddur madwar it-£800 miljun.[4]

Storja

Snin tal-bidu (1878–1945)

It-tim ta' Manchester United fil-bidu tal-istaġun 1905-06 fejn spiċċaw fit-tieni post tat-Tieni Diviżjoni u ġew promossi

Il-klabb ġie ffurmat fl-1878 bħala Newton Heath L&YR FC minn grupp ta' ħaddiema fl-istazzjon ferrovjarju ta' Lancashire u Yorkshire fi Newton Heath. Il-flokkijiet tat-tim kienu strixxi ħodor u kulur id-deheb. Kienu jilgħabu fi grawnd żgħir f'North Road, ħdejn il-bini futur tal-istazzjoni ferrovjali ta' Manchester Piccadilly, qabel ma mxew għal Bank Street fil-belt ta' Clayton fl-1893. Huma daħlu fil-Football League fis-sena ta' qabel u bdew isiru kumpanija aktar indipendenti, fejn appuntaw segretarju tal-klabb u neħħew is-suffiss "L&YR" mill-isem tagħhom biex saru magħrufa biss bħala Newton Heath F.C.. Wara ftit snin, fl-1902, il-klabb kien kważi falla, b'dejn ta' aktar minn £2500. F'punt minnhom, il-grawnd tagħhom ta' Bank Street kien magħluq minn ekònomu.[5]

Wara li kellu jagħlaq għal xi ftit taż-żmien, il-klabb irċieva investment minn J. H. Davies, id-direttur ta' Manchester Breweries li reġa' ta l-ħajja lit-tim.[6] Kien deċiż f'waħda mil-laqgħat tal-klabb li riedu bidla fl-isem tat-tim biex jirrifletti l-bidu ġdid li ngħataw. Manchester Central u Manchester Celtic kienu fost l-ismijiet suġġeriti, qabel ma' Louis Rocca, immigrant mill-Italja, qal "Sinjuri, għaliex ma nsejħux lilna nfusna Manchester United?"[5][7] L-isem intlaqat minn dawk preżenti u fis-26 ta' April 1902, Manchester United sar l-isem uffiċjali. Davies, li kien iċ-ċermen, iddeċieda wkoll li jitbiddlu l-kuluri tal-klabb, fejn jabbandunaw l-aħdar u d-deheb ta' Newton Heath, u għażlu l-aħmar u l-abjad bħala l-kuluri l-ġodda.

Ernst Magnall ġie appuntat bħala s-segretarju tal-klabb wara li James West irriżenja minn kowċ fit-28 ta' Settembru 1902. Magnall kien qed jipprova jtella' l-klabb għall-First Division, imma t-tim spiċċa fil-ħames post tas-Second Division. Magnall iddeċieda li kien neċessarju li jġibu wċuħ ġodda fil-klabb, u ffirma plejers bħall-gowlkiper Harry Moger, id-difensur Dick Duckworth u l-attakkant John Picken, imma l-ikbar impatt kien ta' Charlie Roberts fejn kien sewa rekord ta' £750 minn Grimsby Town, u għenhom biex jispiċċaw fit-tielet post tal-istaġun 1903–04; punt biss mill-promozzjoni tat-tieni post.

Huma kisbu l-ewwel promozzjoni taħt l-isem il-ġdid tagħhom, fejn spiċċaw it-tieni fl-istaġun 1905-06. Fl-1908 huma rebħu l-ewwel titlu tal-kampjonat. Manchester City kienu taħt investigazzjoni wara li kienu qed iħallsu lil xi plejers aktar mill-ammont stabilit mir-regoli tal-FA. Huma ġew immultati £250 u tmintax-il plejer ġew sospiżi milli jilgħabu għalihom aktar. United ħadu vantaġġ tas-sitwazzjoni, fejn kisbu lil Billy Meredith u Sandy Turnbull, fost oħrajn. Billi kienu taħt sospiża, kien fl-istaġun 1907–08 li għamlu l-ewwel impatt propju għall-isfida għat-titlu. Huma hekk irnexxielhom jagħmlu fejn bdew b'rebħa ta' 2–1 fuq Sheffield United, fejn għamlu għaxar rebħiet konsekuttivi. Minkejja li lejn l-aħħar tal-istaġun il-forma tagħhom naqset, huma kisbu t-titlu, disa' punti fuq ir-rivali Aston Villa.

L-istaġun ta' wara ra lil Manchester United jiksbu l-ewwel Charity Shield[8] u kif ukoll l-ewwel titlu tal-FA Cup, fejn kien il-bidu ta' rekord ta' rebħiet ta' titli tal-FA Cup matul is-snin. Hekk kif kienu fl-ewwel staġun bħala rebbieħa, Turnbull u Meredith kienu instrumentali matul l-istaġun, fejn Turnbull skorja l-gowl rebbieħ tal-finali tal-FA Cup. Il-klabb kellu jistenna sentejn oħra sakemm jirbaħ trofew ieħor, fejn rebħu l-First Division għat-tieni darba fl-istaġun 1910–11. F'dak iż-żmien huma mxew għall-grawnd il-ġdid ta' Old Trafford. L-ewwel logħba f'Old Trafford kienet telfa ta' 4–3 kontra Liverpool nhar id-19 ta' Frar 1910, wara li kienu minn fuq 3–0. Huma ma rebħu l-ebda trofew fl-istaġun 1911–1912, li mhux biss wera li kien l-aħħar staġun taħt Magnall, imma wkoll kienet l-aħħar darba li l-klabb rebħu l-First Division għal 41 sena, l-ikbar żmien li huma damu ma jirbħu l-kampjonat fl-istorja kollha.

Għall-għaxar snin li jmiss, il-klabb ma tantx gawda minn riżultati tajbin fejn kien ġie relegat għal darb'oħra għal Division Two fl-1922. Ġew promossi għal darb'oħra fl-1925, imma batew biex ikunu fl-ewwel nofs tal-klassifika, u ġew relegati fl-1931. Fit-tmien snin qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, huma laħqu l-agħar pożizzjoni permezz tal-għoxrin fid-Division Two fl-1934. Huma ġew promossi u relegati għal darb'oħra qabel ma ġew promossi fl-istaġun ta' qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Huma ġew garantiti post fl-aqwa diviżjoni wara li spiċċaw fl-erbatax-il post fl-istaġun 1938–39.

Is-snin ta' Busby (1945–1969)

Is-sena 1945 rat lil Matt Busby isir il-kowċ il-ġdid tat-tim ta' Old Trafford. Hu ħares lejn ix-xogħol il-ġdid tiegħu billi nsista li hu jkollu jagħżel it-tim tiegħu, jagħżel liema plejers jixtri u jiddiriġi s-sessjonijiet ta' taħriġ. Hu kien diġà tilef iċ-ċans mat-tim ta' Liverpool FC, minħabba li l-klabb ra li dawn ix-xogħlijiet kienu għad-diretturi biss, imma United iddeċidew li jieħdu ċans bl-ideat innovattivi ta' Busby. L-ewwel xiri ta' Busby ma kienx plejer, imma assistent ġdid li kien Jimmy Murphy. Ir-riskji li l-klabb ħadu f'Busby ħadu l-frott hekk kif spiċċaw it-tieni fl-1947, 1948 u l-1949 u rebħu l-FA Cup tal-1948, grazzi wkoll għall-plejers bħal Stan Pearson, Jack Rowley u Charlie Mitten (Rowley u Pearson skurjaw fil-finali tal-1948), kif ukoll għall-plejer Allenby Chilton.

Charlie Mitten mar il-Kolombja biex ifittex salarju aħjar, imma t-tim ta' Manchester rebħu t-titlu tal-Ewwel Diviżjoni fl-1952. Busby kien jaf li timijiet tal-futbol kellhom bżonn aktar minn plejers esperjenzati biss fit-tim, u għalhekk hu adotta l-politika li jġib plejers mit-tim taż-żgħar meta kien possibli. Għall-ewwel, plejers żgħar bħal Roger Byrne, Bill Foulkes, Mark Jones u Dennis Viollet, ħadu ħin biex jieħdu post fit-tim, fejn it-tim laħaq it-tmien post fl-1953, imma t-tim rebaħ il-kampjonat fl-1956 b'tim ta' età medja ta' 22 sema, fejn skurjaw 103 gowls. Dan kien wieħed mill-aqwa żminijiet fl-istorja tal-klabb. It-tim immexxi minn Busby kien magħruf bħala l-Busby Babes, fejn il-plejer l-aktar importanti kien Duncan Edwards. Il-plejer minn Dudley iddebutta f'età ta' sittax-il sena fl-1953. Kien ingħad li Edwards seta' jilgħab f'kull pożizzjoni tal-grawnd, u ħafna li rawh sostnew li hu kien l-aqwa plejer ta' dejjem. L-istaġun ta' wara, 1956-57, huma rebħu l-kampjonat u laħqu l-finali tal-FA Cup, fejn tilfu kontra Aston Villa. Huma saru l-ewwel tim Ingliż li kkompetew fit-Tazza taċ-Ċampjins, u laħqu s-semi-finali, fejn ġew eliminati minn Real Madrid. Fit-triq għas-semi-finali, United għamlu rekord tal-ikbar rebħa f'kull kompetizzjoni, fejn rebħu liċ-ċampjins Belġjani Anderlecht 10–0 f'Maine Road.

Plakka f'Old Trafford bħala unur għall-plejers li mietu fid-diżastru tal-ajru ta' Munich

L-istaġun ta' wara ġrat traġedja, fejn l-ajruplan li kien qed iġorr lit-tim lura għad-dar wara partita mit-Tazza taċ-Ċampjins ikkraxxja meta kien se jitlaq wara waqfa fi Munich, fil-Ġermanja. Id-diżastru tal-ajru ta' Munich fis-6 ta' Frar 1958 ra t-telf tal-ħajja ta' tmien plejers - Geoff Bent, Roger Byrne, Eddie Colman, Duncan Edwards, Mark Jones, David Pegg, Tommy Taylor u Liam "Billy" Whelan - u ħmistax-il passiġier ieħor, fosthom l-uffiċjali tal-klabb Walter Crickmer, Bert Whalley u Tom Curry.[9] Il-gowlkiper ta' United Harry Gregg irnexxielu jiġi f'sensih wara l-kraxx, u bil-biża' li l-ajruplan jisplodi f'temp ta' ftit sekondi, hu qabad lil Bobby Charlton – li kien iddebutta ma' Manchester United inqas minn tmintax-il xahar qabel – u lil Dennis Viollet u ġabhom fis-sigur. Seba' plejers ta' United mietu fil-post, filwaqt li Duncan Edwards miet l-isptar. Johnny Berry salva wkoll mill-aċċident, però minħabba uġiegħ li kellu fl-aċċident, il-karriera tal-futbol tiegħu kellha tmiem kmieni. Matt Busby ma tantx ingħata tama mit-tobba ta' Munich, imma rkupra b'miraklu u ħareġ wara xahrejn l-isptar.

Kien hemm għajdut li l-klabb kien se jirtira mill-kompetizzjonijiet, imma Jimmy Murphy ħa post Busby waqt li dan kien qed jirkupra mill-uġigħ, il-klabb kompla jilgħab. Minkejja l-aċċident, huma laħqu l-finali tal-FA Cup għal darb'oħra, fejn tilfu kontra Bolton Wanderers. Fl-aħħar tal-istaġun, il-UEFA offriet lill-FA l-opportunità li tibgħat kemm lil United u liċ-ċampjins eventwali, Wolverhampton Wanderers, għat-Tazza taċ-Ċampjins 1958–59 bħala tribut għall-vittmi, imma l-FA ma aċċettatx. United irnexxielhom jiksbu t-tieni post fl-istaġun ta' wara; post mhux ħażin fejn wieħed jikkonsidra li disa' plejers tal-ewwel tim kienu mietu fid-diżastru ta' Munich.

Busby reġa' bena t-tim fis-sittinijiet, fejn xtara plejers bħal Denis Law u Pat Crerand, waqt li jagħti kas lill-plejers tal-ġenerazzjoni l-ġdida. Fost l-iktar famuż ta' dan il-grupp il-ġdid hu l-plejer minn Belfast taħt l-isem ta' George Best. Best kellu atletiżmu li rari tarah, imma l-aqwa ħaġa ta' użu għal Best kien il-kontroll li kellu fuq il-ballun. Il-veloċità tiegħu kienet tippermettilu li jgħaddi qalb id-difiża, f'kull spazju li kienet tħalli d-difiża opposta. It-tim rebaħ l-FA Cup fl-1963, minkejja li spiċċaw fid-dsatax-il post tal-First Division. Ir-rebħ tal-FA Cup ta stimulu lit-tim u b'hekk irnexxielu jispiċċa fit-tieni post fl-1964, u rebaħ il-kampjonat fl-1965 u l-1967. United rebħu t-Tazza taċ-Ċampjins fl-1968, fejn rebħu lit-tim ta' Eusébio SL Benfica 4–1 fil-finali, u b'hekk sar l-ewwel tim Ingliż li rebaħ il-kompetizzjoni. It-tim ta' United kien notabbli għax kellu tliet Futbolers tas-Sena Ewropej: Bobby Charlton, Denis Law u George Best. Matt Busby irriżenja minn kowċ fl-1969 u postu ħaddu l-plejer li kien jilgħab ma' United, Wilf McGuinness.

1969–1986

United batew taħt Wilf McGuinness fl-istaġun 1969–70, fejn spiċċaw fit-tmien post, u wara bidu fqir tal-istaġun ta' wara, McGuinness irritorna bħala kowċ tat-tim tar-riservi. Busby reġa' ħa postu, minkejja li għal sitt xhur biss. Ir-riżultati tjiebu, imma finalment hu ħalla l-klabb għall-aħħar darba fis-sajf tal-1971. F'dak iż-żmien, United tilfu numru ta' plejers ta' kwalità bħal Nobby Stiles u Pat Crerand.

Minkejja li kienu qed jippruvaw biex ilaħqu lil Jock Stein, kowċ rebbieħ tat-Tazza taċ-Ċampjins ma' Celtic FC, għal post ta' kowċ – Stein aċċetta b'kuntatt verbali biex jingħaqad ma' United, imma mar lura mid-deċiżjoni fl-aħħar minuta – Frank O'Farrell ġie appuntat bħala s-suċċessur ta' Busby. Madanakollu, bħal McGuinness, O'Farrell dam biss tmintax-il xahar fil-bankina ta' United, fejn l-unika differenza bejn dawn it-tnejn kien li O'Farrell irreaġixxa għall-prestazzjoni fqira tat-tim billi ġab talent ġdid bħal Martin Buchan minn Aberdeen għal somma ta' £125,000. Tommy Docherty sar kowċ fl-aħħar tal-1972. Docherty, jew "the Doc" salva lil United mir-relegazzjoni imma United ġew relegati fl-1974, fejn Best, Law u Charlton kienu ħallew lil klabb. Denis Law mexa għal Manchester City fis-sajf tal-1973, u spiċċa biex jiskorja l-gowl li ħafna nies jgħidu li rrelega lil United, u pulitament irrifjuta li jiċċelebra l-gowl ma' sħabu. Plejers bħal Lou Macari, Stewart Houston u Brian Greenhoff inxtraw biex jieħdu post Best, Law u Charlton, imma ħadda ma seta' jagħmel l-istess prestazzjoni li kienu qabel dawn it-tieta.

It-tim rebaħ il-promozzjoni, fejn Steve Coppell iddebutta lejn l-aħħar tal-istaġun, wara li ngħaqad mingħanda Tranmere Rovers, u laħaq il-finali tal-FA Cup 1976, imma tilfu kontra Southampton. Huma laħqu l-finali għal darb'oħra fl-1977, fejn rebħu lil Liverpool 2–1. Minkejja dan is-suċċess u l-popularità fost il-benjamini, Docherty kien imkeċċi wara l-finali wara li kien misjub li kellu affari mal-mara tal-psikoterapista.

Daxe Sexton ħa post Docherty fis-sajf tal-1977 u għamel lit-tim jilgħab f'format difensiv. Dan l-istil ma tantx intgħoġob mill-benjamini, li kienu mdorrijin bl-attakki tal-futbol preferiti minn Docherty u Busby. Xiri mportanti taħt Sexton jinkluu Joe Jordan, Gordon McQueen, Gary Bailey u Ray Wilins, imma t-tim ta' United mibnija mid-difiża naqset li taqbeż l-oskurita ta' nofs il-klassifika, fejn spiċċat darba fl-ewwel żewġ postijiet, u laħqet finali waħda tal-FA Cup, b'telfa kontra Arsenal. Sexton kien ġie mkeċċi fl-1981, minkejja li kien għadu kemm rebaħ l-aħħar seba' partiti.

Postu ttieħed minn Ron Atkinson, li l-attitudni estroverta tiegħu ġiet riflessa fit-timijiet li mexxa. Hu mal-ewwel kiser ir-rekord Brittaniku meta xtara lil Bryan Robson mit-tim li kien qabel miegħu, West Brom. Robson sar magħruf fil-futur bħala fost l-aqwa midfilders minn żmien Duncan Edwards. It-tim ta' Atkinson kellu plejers ġodda bħal Jesper Olsen, Paul McGrath u Gordon Strachan fejn kienu jilgħabu flimkien ma' plejers tat-tim taż-żgħar bħal Norman Whiteside u Mark Hughes. United rebħu l-FA Cup darbtejn fi tliet snin, fl-1983 u l-1985 u kienu favoriti li jirbħu l-kampjonat tal-istaġun 1985–86 wara li rebħu l-ewwel għaxar partiti, fejn fetħ vantaġġ ta' għaxar punti f'ras il-klassifika sa Ottubru. Il-forma tat-tim naqset u United spiċċaw ir-raba'. Il-forma fqira tat-tim kompliet l-istaġun ta' wara, u United kienu kważi fiż-żoni tar-relegazzjoni u fil-bidu ta' Novembru 1986, Atkinson kien imkeċċi.

L-era ta' Ferguson, qabel it-Treble (1986–1999)

Alex Ferguson

Alex Ferguson wasal minn Aberdeen biex ħa post Atkinson u ggwida l-klabb għall-ħdax-il post fil-kampjonat. Fl-istaġun ta' wara (1987–88), United spiċċaw it-tieni, b'Brian McClair jispiċċa l-ewwel plejer ta' Manchester United wara George Best li skorja għoxrin gowl fi staġun.

Madanakollu, United sofrew fiż-żewġ staġuni ta' wara, b'ħafna mill-plejers il-ġodda ta' Ferguson ma jilħqux l-aspettattivi tal-benjamini. Kien hemm għajdut li Alex Ferguson kien se jiġi mneħħi minn kowċ fil-bidu tal-1990, imma gowl minn Mark Robins taw lil United rebħa minima ta' 1–0 fit-tielet rawnd tal-FA Cup kontra Nottingham Forest. Din żammet l-istaġun ħaj u t-tim wasal biex rebaħ il-kompetizzjoni meta għelbu lil Crystal Palace f'ripetizzjoni tal-finali.

It-tim rebaħ it-Tazza taz-Tazez Ewropej 1990-91 meta rebħu lit-tim rebbieħ tal-kampjonat Spanjol, Barcelona, imma s-sena ta' wara fallew li jirbħu l-kampjonat meta tilfuh fl-aħħar jiem tiegħu kontra r-rivali Leeds United.

Il-wasla ta' Eric Cantona f'Novembru tal-1992 flimkien mal-plejers preżenti bħal Gary Pallister, Denis Irwin, Paul Ince u Ryan Giggs, huma spiċċa rebbieħa tal-kampjonat 1992-93 għall-ewwel darba mill-1967. Huma rebħu żewġ trofej (il-kampjonat u l-FA Cup) għall-ewwel darba fl-istaġun ta' wara, bl-għajnuna ta' Roy Keane li kien għadu kemm ittrasferixxa minn Nottingham Forest, biex wara sar il-kaptan tat-tim. Fl-istess sena l-klabb sofra l-mewt ta' Sir Matt Busby li miet fl-20 ta' Jannar 1994.

Fl-1994–95, Cantona rċieva sospensjoni ta' tmien xhur wara li qabeż fuq il-folla u aggredixxa lil Matthew Simmons, benjamin tal-Crystal Palace. Huma spiċċaw pari fl-aħħar partita u tilfu l-finali tal-FA Cup kontra Everton FC, biex ħallew lil United fit-tieni post tal-kampjonat u telliefa fil-finali tal-FA Cup. Ferguson irrabja lill-benjamini meta kien biegħ plejers importanti u kien bena t-tim fuq plejers żgħar bħal David Beckham, Gary Neville, Phil Neville u Paul Scholes. Il-plejers il-ġodda saru wkoll parti mit-tim nazzjonali tal-Ingilterra u b'sorpriża rebħu l-kampjonat u l-FA Cup 1995-96. Dan kien l-ewwel darba li tim Ingliż rebaħ żewġ trofej darbtejn, u dan it-tragward kien imsejjaħ id-"Double Double".[10]

Huma rebħu l-kampjonat 1996–97 u Cantona ħabbar it-tmiem tal-karriera f'età ta' 30 sena. Huma bdew l-istaġun ta' wara b'nota tajba imma spiċċaw t-tieni fil-kampjonat wara l-Arsenal.

It-Treble (1998–1999)

L-istaġun 1998–99 jibqa' fost l-aqwa staġun għal Manchester United fejn huma rnexxielhom jirbħu l-famuża Treble meta rebħu l-kampjonat Ingliż, l-FA Cup u l-UEFA Champions League.[11] Huma l-uniku klabb Ingliż li rnexxielu jasal sa dan it-tragward. Wara staġun intens, Manchester United rebħu l-kampjonat fl-aħħar ġurnata b'rebħa ta' 2–1 fuq Tottenham Hotspur, waqt li Arsenal rebħu 1–0 kontra Aston Villa.[12] Ir-rebħa tal-kampjonat kienet biss l-ewwel parti tat-Treble, deskritta minn Ferguson bħala l-itqal waħda. Fil-finali tal-FA Cup, United rebħu 2–0 kontra Newcastle United b'gowls ta' Teddy Sheringham u Paul Scholes.[13] Fl-aħħar partita tal-istaġun, il-finali taċ-Champions League tal-1999 huma rebħu lil Bayern Munich, fejn din il-partita hi kkunsidrata bħala waħda mill-iktar finali drammatika ta' kull żmien meta sal-ħin miżjud tat-tieni taqsima huma rnexxielhom jiskorjaw darbtejn biex rebħu l-partita 2–1.[11] Manchester United wara dan it-titlu rnexxielhom jirbħu t-Tazza Interkontinentali wara li rebħu 1–0 lil Palmeiras f'Tokjo permezz ta' gowl mill-Irlandiż Roy Keane.[14]

Wara t-Treble (1999–preżent)

United rebħu l-kampjonat Ingliż fl-2000 u fl-2001 imma spiċċaw barra mill-finali taċ-Champions League ta' dawn is-snin. Fl-2000, Manchester United saru parti mill-grupp Ewropew tal-G-14.[15] Ferguson adotta tattiċi aktar difensivi biex għamel lil United diffiċli biex jitilfu fl-Ewropa imma fil-kampjonat nazzjonali tal-2001–02 spiċċaw fit-tielet post. Huma kisbu l-kampjonat fl-istaġun ta' wara. Huma bdew id-difiża tal-kampjonat fis-sena ta' wara fuq nota tajba, imma l-forma tagħhom maret lura sinjifikament meta Rio Ferdinand rċieva sospensjoni ta' tmien xhur minħabba li naqas għal test tad-doping. Huma rebħu l-FA Cup 2004 meta rnexxielhom jeliminaw lil Arsenal (ir-rebbieħa eventwali tal-kampjonat) u fil-finali rebħu lil Millwall.

L-istaġun 2004–05 kien karatterizzat b'nuqqas ta' gowls skurjati, prinċipalment minħabba ż-żmien li dam barra Ruud van Nistelrooy u United spiċċaw mingħajr trofew u fit-tielet post tal-kampjonat. Dik is-sena wkoll huma tilfu l-finali tal-FA Cup b'telfa bil-penalties kontra Arsenal wara partita ta' 120 minuta mingħajr gowl. Barra mill-grawnd, l-istorja prinċipali kienet il-possibilità li l-klabb ikun miħud minn xi ħadd u fl-aħħar tal-istaġun, Malcolm Glazer akkwista l-kontroll tal-interessi tal-klabb.

United bdew l-istaġun 2005–06 b'nota mhux daqshekk tajba, bil-midfilder Roy Keane iħalli l-klabb biex ingħaqad ma' Celtic wara pubblikament ikkritika sħabu tat-tim, u t-tim naqas li jikkwalifika għall-fażi tal-aħħar sittax għall-ewwel darba f'iktar minn għaxar snin wara telfa kontra t-tim Portugiż ta' SL Benfica. L-istaġun ukoll kien karatterizzat minn żmien barra għall-plejers importanti bħal Gabriel Heinze, Alan Smith, Ryan Giggs u Paul Scholes. Huma spiċċaw it-tieni post fil-kampjonat u rebbieħa fil-League Cup kontra Wigan Athletic bl-iskor ta' 4–0. United, grazzi għar-rebħa kontra Charlton Athletic 4–0, fl-aħħar partita tal-istaġun irnexxielhom jkomplu post fiċ-Champions League. Fl-aħħar tal-istaġun 2005–06, Ruud van Nistelrooy ħalla l-klabb biex ingħaqad ma' Real Madrid.[16]

L-istaġun 2006–07 ra lil United li rritornaw bl-istil ta' attakk fil-futbol li kien wkoll komuni fis-suċċessi tat-tim lejn id-disgħijiet. Huma rnexxielhom jiskurjaw 20 gowl iktar fi 32 partita minn Chelsea, li kklassifika fit-tieni post. F'Jannar 2007, United ġabu lill-plejer Henrik Larrsson b'self għal xahrejn mit-tim Żvediż ta' Helsingborgs. Il-plejer lagħab rwol importanti għall-kwalifikazzjoni għas-semi-finali taċ-Champions League b'xewqat għat-tieni Treble; madanakollu huma spiċċaw eliminati mit-tim ta' AC Milan b'riżultat aggregat ta' 3–5.[17]

Bħala komemorazzjoni tal-ħamsin anniversarju mid-dħul fil-kompetizzjoni Ewropea ta' Manchester United u kif ukoll il-ħamsin anniversarju mit-Trattat ta' Ruma, Manchester United lagħbu partita ta' esebizzjoni kontra l-aqwa ħdax-il plejer fl-Ewropa skont Marcello Lippi (European XI) f'Old Trafford nhar it-13 ta' Marzu 2007. Huma rebħu l-partita 4–3 b'żewġ gowls ta' Wayne Rooney, u gowl kull wieħed għal Wes Brown u Cristiano Ronaldo.[18]

Erba' snin wara l-aħħar kampjonat, United reġgħu ħadu t-titlu tal-Premier League nhar is-6 ta' Mejju 2007, wara li Chelsea spiċċaw f'pari kontra Arsenal, biex ħallew lil Chelsea seba' punti wara r-"Red Devils" b'żewġ partiti oħra x'jintlagħbu. Madanakollu huma ma rnexxiehomx jiksbu r-raba' doppjetta meta fil-finali tal-FA Cup huma tilfu 1–0 kontra Chelsea fil-grawnd il-ġdid ta' Wembley.

Fil-11 ta' Mejju 2008, United reġgħu kisbu t-titlu tal-Premier League b'rebħa kontra Wigan Athletic. Chelsea rnexxielhom jispiċċaw biss pari kontra Bolton Wanderers, u b'hekk United spiċċaw żewġ punti fuq it-tieni klassifikat. Il-klabb laħaq ukoll il-finali tal-UEFA Champions League għat-tielet darba fl-istorja tagħhom, fejn fit-triq għall-finali elimina lil timijiet bħal Barcelona u Roma. Fil-21 ta' Mejju 2008, United irnexxielhom ikomplu d-Double Ewropew meta rebħu lil Chelsea fil-finali tal-UEFA Champions League 2007–08 fl-Istadju Luzhniki ta' Moska. Wara pari ta' 1–1 fil-ħin normali u anki wara l-ħin supplelementari, il-penalties kienu d-differenza bejn iż-żewġ timijiet fejn Manchester United rebħu 6–5. B'din ir-rebħa, huma kisbu t-tielet trofew tat-Tazza taċ-Ċampjins u żammew ir-rekord li qatt ma tilfu finali Ewropea ta' kalibru. B'kumbinazzjoni, dan l-istaġun immarka l-100 sena minn meta Manchester United rebħu l-ewwel titlu tal-kampjonat nazzjonali, 50 sena wara d-diżastru tal-ajru ta' Munich, u 40 sena wara r-rebħ tal-ewwel Tazza taċ-Ċampjins għal Manchester United.

Nhar il-21 ta' Diċembru 2008, United żiedu unur ieħor, dak ta' ċampjins mondjali wara r-rebħ fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs 2008, meta grazzi għal gowl ta' Wayne Rooney irnexxielhom jegħlbu lill-Ekwadorjani ta' LDU Quito bl-iskor ta' 1–0 ġewwa l-Ġappun. Xahrejn wara huma żiedu qalb it-trofej mirbuħa l-League Cup 2009, wara li għelbu lil Tottenham Hotspur 4–1 bil-penalties.[19] Nhar is-16 ta' Mejju, United rebħu l-ħdax-il titlu tal-Premier League (it-tmintax-il kampjonat totali), fejn saru l-ewwel tim li qatt rebaħ tliet staġuni tal-Premier League tliet darbiet konsekuttivi, wara pari ta' mingħajr gowls ġewwa darhoma kontra Arsenal.[20]

Kuluri u l-emblema tal-klabb

Matul iż-żmien bħala Newton Heath, il-flokkijiet tal-klabb meta kienu jilgħabu ġewwa darhom kienu sofor u ħodor; dan il-flokk kien reġa' ġie wżat fis-snin disgħin bħala l-flokk għal meta kienu jilgħabu barra minn darhom. Fl-1902, flimkien mal-bidla fl-isem għal Manchester United, il-klabb biddel il-kuluri għal flokkijiet ħomor, xorts bojod u kalzetti suwed, li sar l-istandàrd għal ħafna mill-uniformi tar-"Red Devils" li segwew. L-unika eċċezzjoni għal din hi l-uniformi li t-tim libes fil-finali tal-FA Cup 1909 kontra Bristol City, fejn it-tim libes flokk abjad b'għonq kulur aħmar. Dan id-disinn reġa' beda jintużax fis-snin għoxrin qabel ma' United reġgħu marru għal flokkijiet kollha ħomor.

Il-kuluri ta' barra mid-dar huma ħafna drabi flokkijiet bojod b'xorts suwed u kalzetti bojod, imma kuluri oħra kienu wżati, fosthom flokk bl-istrixxi djagonali blu u bojod mill-1903 sal-1916, uniformi kollha sweda fl-1994 u fl-2003 u blu skur bi strixxi orizzontali tal-fidda fis-sena 2000. Waħda mill-iktar uniformi, għal logħob ta' barra mid-dar, li tibqa' famuża minkejja l-perjodu qasir ta' użu hi dik kollha griża 1995–96. Din l-uniformi ma baqgħetx użata minħabba li biha Manchester United naqsu li jirbħu partita waħda. Wara tmiem l-ewwel taqsima matul partita kontra Southampton, meta United kienu minn taħt 3–0, huma biddlu għat-tielet flokk li kien jikkonsisti mill-kuluri blu u abjad, imma eventwalment tilfu 3–1. Skont il-plejers, l-uniformi griża ma kinitx viżibbli biżżejjed u dan kien ir-riżultat tar-riżultati foqra.[21][22]

It-tielet flokk ta' United hu tradizzjonalment kollu blu bħala tifkira tar-rebħa tat-Tazza taċ-Ċampjins 1968. Xi eċċezzjonijiet kienu jinkludu uniformi safra ċara fil-bidu tas-snin sebgħin, flokk bi strixxi blu u bojod mill-1996, li kien ukoll fost il-favoriti tal-benjamini, u flokk abjad bi strixxi żgħar suwed u ħomor mill-2004. United użaw ukoll bħala t-tielet flokk, dak li oriġinarjament kienu wżati bħala flokkijiet għal waqt it-taħriġ fil-passat, fejn adottaw uniformi kollha sewda fl-istaġun 1998–99 u flokk blu skur b'naħat maruni fl-2001 għal logħbiet kontra Southampton u PSV Eindhoven.

L-emblema wżata bejn l-1973 u l-1998

Kurrentament, l-uniformi ta' Manchester United hu flokk aħmar bi strixxa vertikali bajda li hi maqsuma fi tnejn. L-istrixxa hi mżejna bl-ittri MUFC fil-parti t'isfel tal-istrixxa u fil-parti ta' fuq insibu l-arma tax-xitan mill-emblema tal-klabb. Il-logos tan-Nike u tal-AIG huma wkoll bojod. Fin-naħa xellugija tal-parti t'isfel tal-flokk insibu l-kliem "The Red Devils" li huma miktuba bl-abjad, fuq sfond tax-xitan mill-emblema tal-klabb. L-emblema tal-klabb tinsab fuq in-naħa xellugija tal-flokk fuq tarka. It-tielet flokk hu blu bl-ispalel u l-burduri tal-kmiem ta' kulur aħmar, is-swoosh tan-Nike hu abjad u hu pożizzjonat fil-lemin tas-sider, waqt li l-logo tal-AIG hu abjad bi sfond aħmar. L-emblema hi fuq ix-xellug tal-flokk imdawra bl-aħmar.[23]

L-emblema tal-Manchester United kien modifikat f'diversi okkażjonijiet, minkejja li l-bażi baqgħet dejjem l-istess. Id-distinv ġej mill-emblema tal-belt ta' Manchester u x-xitan għandu l-oriġini mil-laqam tat-tim "Red Devils", li kien addottat fil-bidu tas-snin sittin wara li Matt Busby semgħa jissejħu hekk lill-komponenti tal-iskwadra tar-rugby ta' Salford, karaterizzat mill-flokkijiet ħomor.[24] Lejn it-tmiem tas-sittinijiet, ix-xitan beda jkun inkluż f'diversi xarpi, qabel ma kien inkorporat fil-logo uffiċjali matul is-snin sebgħom. Fl-1998, l-emblema reġgħet ġiet disinjata, fejn din id-darba tneħħew il-kliem "Football Club",[25] imma l-bidla ma kinitx aċċettata minn xi partitarji li saħqu li din il-bidla kienet biss minħabba n-naħa finanzjarja tal-logħba.

Stadju

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Old Trafford.
Old Trafford

Meta l-klabb ta' Newton Heath kien fundat, it-tim lagħab il-partiti interni tiegħu f'kamp ta' North Road f'Newton Heath. Però, it-timijiet viżitaturi gergru frekwentament fuq l-istat tal-grawnd.[5] Barra minn hekk, il-kmamar fejn kienu jbidlu ma tantx kienu wkoll ta' min jiftaħar bihom, fejn kienu jinsabu għaxar minuti 'l bogħod fil-pub Three Crowns f'Oldham Road.

Il-klabb baqa' fil-grawnd North Road għal ħmistax-il sena mill-1878 u l-1893, sena wara li daħlu fil-Football League, qabel ma marru għall-istadju l-ġdid f'Bank Street qrib Clayton. Fl-1902, il-klabb marru qrib il-falliment u l-grawnd ta' Bank Street kien magħluq minħabba fl-insolvenzà tiegħu. Il-klabb kien salvat fl-aħħar minuta mill-kaptan Harry Stafford, li rnexxielu jiġbor flus biżżejjed biex iħallas lill-partita tal-klabb barra minn darhom kontra Bristol City u sab grawnd temporanju qrib Harpurhey għal partita interna ta' wara kontra Blackpool.[26]

Sitt ġimgħat qabel l-ewwel titlu tal-FA Cup għal United f'April 1909, Old Trafford kien imsejjaħ bħala d-dar ta' Manchester United, wara li xtraw l-art għal madwar £60,000. L-arkitett Archibald Leitch kien mikri mill-president ta' United John Henry Davies, u ngħata baġitt ta' £30,000 għall-kostruzzjoni. Pjanijiet oriġinali indikaw li l-istadju kellu jkollu kapaċità ta' madwar 100,000, imma dan ġie mnaqqas għal 77,000. Minkejja dan, attendenza rekord ta' 76,962 kienet rikordjata, li hi aktar milli l-istadju kurrenti jżomm fih. Il-partita inawgurali ntlagħbte fid-19 ta' Frar 1910 kontra Liverpool FC, u rriżultat f'rebħa ta' 4–3 għall-viżitaturi

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fil-11 ta' Marzu 1941, bumbardament qered parti kbira tal-istadju. Sakemm ir-rikostruzzjoni kienet qed issir fl-1949, Manchester United lagħbu l-logħob tagħhom f'Maine Road, l-istadju ta' Manchester City.

Hu stmat li se jkun żvilupp ieħor fl-istadju, speċjalment fis-South Stand, fejn hu mistenni li dan ikollu spiża ta' madwar £114 miljun. Il-kapaċità proġettata tal-istadju kompluta hi stmata li se tkun madwar 96,000, aktar mill-Wembley Stadium il-ġdid.[27]

Plejers

Skwadra attwali

Sat-3 ta' Lulju 2012.[28]

N. Poż. Plejer
1 Spanja G David de Gea
2 Brażil D Rafael
3 Franza D Patrice Evra
4 Ingilterra D Phil Jones
5 Ingilterra D Rio Ferdinand
6 Irlanda ta' Fuq D Jonny Evans
7 Ingilterra A Antonio Valencia
8 Brażil M Anderson
9 Bulgarija A Dimitar Berbatov
10 Ingilterra A Wayne Rooney
11 Wales M Ryan Giggs
12 Ingilterra D Chris Smalling
13 Danimarka G Anders Lindegaard
14 Messiku A Javier Hernández
N. Poż. Plejer
15 Serbja D Nemanja Vidić (kaptan)
16 Ingilterra M Michael Carrick
17 Portugall M Nani
18 Ingilterra M Ashley Young
19 Ingilterra A Danny Welbeck
20 Netherlands A Robin van Persie
22 Ingilterra M Paul Scholes
23 Ingilterra M Tom Cleverley
24 Skozja M Darren Fletcher
25 Ekwador M Nick Powell
26 Ġappun M Shinji Kagawa
27 Italja A Federico Macheda
28 Netherlands D Alexander Büttner
33 Portugall A Bébé

Plejers barra f'self

N. Poż. Plejer
20 Brażil D Fábio (ma' Queens Park Rangers sat-30 ta' Ġunju 2013)
N. Poż. Plejer
40 Ingilterra G Ben Amos (ma' Hull City sat-30 ta' Ġunju 2013)

Plejers

Kaptani

Perjodu Isem Nota
1878–1896 Mhux magħruf
1896–1903 Ingilterra Harry Stafford Kaptan ta' Newton Heath u l-ewwel kaptan ta' Manchester United
1903–1904 Mhux magħruf
1904–1907 Skozja Jack Peddie
1907–1913 Ingilterra Charlie Roberts
1913–1919 Ingilterra George Stacey
1919–1922 Ingilterra George Hunter
1922–1928 Ingilterra Frank Barson
1928–1932 Ingilterra Jack Wilson
1932–1936 Ingilterra Hugh McLenahan
1936–1939 Skozja Jimmy Brown
1939–1946 Ħadd L-ebda futbol ma kien jintlagħab matul it-Tieni Gwerra Dinjija
1946–1953 Repubblika tal-Irlanda Johnny Carey L-ewwel kaptan wara l-gwerra u l-ewwel wieħed barra mir-Renju Unit
1953–1954 Ingilterra Allenby Chilton Kaptan għal staġun wara li Johnny Carey irtira
1954–1958 Ingilterra Roger Byrne Miet fid-diżastru tal-ajru ta' Munich fl-1958
1958–1962 Ingilterra Bill Foulkes
1962–1967 Repubblika tal-Irlanda Noel Cantwell
1967–1973 Ingilterra Bobby Charlton
1973–1979 Skozja Martin Buchan
1979–1982 Irlanda ta' Fuq Sammy McIlroy L-ewwel u l-aħħar kaptan mill-Irlanda ta' Fuq
1982–1994 Ingilterra Bryan Robson Il-plejer bl-aktar apparenzi bħala kaptan
1994–1996 Ingilterra Steve Bruce
1996–1997 Franza Eric Cantona L-ewwel kaptan minn barra mill-gżejjer Brittaniċi
1997–2005 Repubblika tal-Irlanda Roy Keane Il-kaptan li rebaħ l-aktar trofej
2005–2011 Ingilterra Gary Neville
2011–prezent Serbja Nemanja Vidić L-ewwel kaptan mill-Ewropa tal-Lvant

Rekords tal-plejers

Dati korretti sat-28 ta' Mejju 2011 u skont is-sit uffiċjali tal-istatistika.[29] Plejers b'tipa ħoxna għadhom jilgħabu ma' Manchester United.

L-aktar preżenzi

# Isem Karriera Preżenzi Gowls
1 Wales Ryan Giggs 1991–preżent 876 159
2 Ingilterra Bobby Charlton 1956–1973 758 249
3 Ingilterra Bill Foulkes 1952–1970 688 9
4 Ingilterra Paul Scholes 1994–2011 603 150
5 Ingilterra Gary Neville 1992–2011 602 7
6 Ingilterra Alex Stepney 1966–1978 539 2
7 Repubblika tal-Irlanda Tony Dunne 1960–1973 535 2
8 Repubblika tal-Irlanda Denis Irwin 1990–2002 529 33
9 Ingilterra Joe Spence 1919–1933 510 168
10 Skozja Arthur Albiston 1974–1988 485 7

L-aktar gowls

# Isem Karriera Apparenza Gowls Gowls/Parita
1 Ingilterra Bobby Charlton 1956–1973 758 2497 0.328
2 Skozja Denis Law 1962–1973 404 237 0.587
3 Ingilterra Jack Rowley 1937–1955 424 211 0.498
4= Ingilterra Dennis Viollet 1953–1962 293 179 0.611
4= Irlanda ta' Fuq George Best 1963–1974 470 179 0.381
6 Ingilterra Joe Spence 1919–1933 510 168 0.329
7 Wales Mark Hughes 1983–1986
1988–1995
467 163 0.349
8 Wales Ryan Giggs 1991–preżent 876 159 0.182
9 Netherlands Ruud van Nistelrooy 2001–2006 219 150 0.685
10 Ingilterra Stan Pearson 1937–1954 343 148 0.431

Rebbieħa tal-unuri

Ballun tad-Deheb

Il-plejers segwenti rebħu l-Ballun tad-Deheb waqt li kienu qed jilgħabu ma' Manchester United:

Żarbuna tad-Deheb

Il-plejers segwenti rebħu ż-Żarbuna tad-Deheb waqt li kienu qed jilgħabu ma' Manchester United:

Plejer tas-Sena tal-UEFA

Il-plejers segwenti rebħu l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-UEFA waqt li kienu qed jilgħabu ma' Manchester United:

Plejer tas-Sena tal-FIFA

Il-plejers segwenti rebħu l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA waqt li kienu qed jilgħabu ma' Manchester United:

Kowċis

Dati Isem Noti
1878–1892 Mhux magħruf
1892–1900 Ingilterra A. H. Albut
1900–1903 Ingilterra James West
1903–1912 Ingilterra Ernest Mangnall
1912–1914 Ingilterra John Bentley
1914–1922 Ingilterra Jack Robson
1922–1926 Skozja John Chapman L-ewwel kowċ minn barra l-Ingilterra
1926–1927 Ingilterra Lal Hilditch
1927–1931 Ingilterra Herbert Bamlett
1931–1932 Ingilterra Walter Crickmer
1932–1937 Skozja Scott Duncan
1937–1945 Ingilterra Walter Crickmer
1945–1969 Skozja Matt Busby
1969–1970 Ingilterra Wilf McGuinness
1970–1971 Skozja Matt Busby
1971–1972 Repubblika tal-Irlanda Frank O'Farrell L-ewwel kowċ minn barra r-Renju Unit
1972–1977 Skozja Tommy Docherty
1977–1981 Ingilterra Dave Sexton
1981–1986 Ingilterra Ron Atkinson
1986–preżent Skozja Alex Ferguson Rebbieħ tal-iktar unuri u l-iktar kowċ li ta servizz lil Manchester United

Rivalità

Biex tapprofondixxi, ara l-artikli: Rivalità bejn Liverpool FC u Manchester United FC, Id-derby ta' Manchester u Rivalità bejn Leeds United FC u Manchester United FC.

L-ikbar rivalità ta' Manchester United diffiċli tiġi definita. Tradizzjonalment, l-ikbar rivali kienu Liverpool, Manchester City u Leeds United,[30] għalkemm Arsenal ġabu rivalità kbira f'dawn l-aħħar snin.[31] Preżentament, il-partitarji jaraw lil Liverpool bħala l-ikbar rivali, minħabba s-suċċessi li dawn iż-żewġ timijiet kisbu fl-istorja tagħhom,[32] waqt li ħafna jsostnu li l-ikbar rivalità tinsab bejn il-klabb tal-istess belt, Manchester City. Ir-rivalità bejn Unitd u Liverpool bdiet lejn is-sittinijiet meta ż-żewġ klabbs kienu fost l-aqwa fl-Ingilterra, u kienu jikkompetu ma' xulxin kull sena. Ma' Manchester City, ir-rivalità tmur lura lejn l-era ta' Newton Heath, lejn l-1890, u baqgħet b'saħħitha hekk kif iż-żewġ timijiet kienu dejjem fl-istess diviżjoni għal ħafna mis-snin.

Ir-rivalità ma' Leeds United bdiet lejn is-sittinijiet meta Leeds ħarġu bħala tim qawwi, u kompliet ir-rivalità lejn is-sebgħinijiet u t-tmenijiet fejn Leeds kien irnexxielhom jisirqu t-titlu lil United fl-1992. Ma' Arsenal, ir-rivalità bdiet aktar fl-aħħar snin fejn iż-żewġ timijiet qed ikunu f'kompetizzjoni diretta għal rebħ ta' diversi trofej.

Unuri

It-trofej tat-Tripletta ta' United fl-1999, mix-xellug: Premier League, Champions League u FA Cup

Kompetizzjonijiet domestiċi

L-Ewwel Diviżjoni: 7
1907–08, 1910–11, 1951–52, 1955–56, 1956–57, 1964–65, 1966–67
Premier League: 12
1992–93, 1993–94, 1995–96, 1996–97, 1998–99, 1999–2000, 2000–01, 2002–03, 2006–07, 2007–08, 2008–09, 2010–11
1935–36, 1974–75
1908–09, 1947–48, 1962–63, 1976–77, 1982–83, 1984–85, 1989–90, 1993–94, 1995–96, 1998–99, 2003–04
1991–92, 2005–06, 2008–09, 2009–10
1908, 1911, 1952, 1956, 1957, 1965*, 1967*, 1977*, 1983, 1990*, 1993, 1994, 1996, 1997, 2003, 2007, 2008, 2010 (* maqsumin)

Kompetizzjonijiet internazzjonali

1968, 1999, 2008
1991
1991
1999, 2008

Referenzi

  1. ^ Premier League (ed.). "Manchester United Football Club" (bl-Ingliż).
  2. ^ "Manchester United win 11th FA Cup" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  3. ^ premierleague.com, ed. (11-01-2008). "United tops global rich list" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  4. ^ BBC News, ed. (23-06-2005). "Glazer gets 98% of Man Utd shares" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  5. ^ a b ċ Murphy, Alex (2006). "1878-1915: From Newton Heath to Old Trafford". F' Orion Books (ed.). The Official Illustrated History of Manchester United. p. 14. ISBN 0-7528-7603-1. Parametru mhux magħruf |belt= injorat (għajnuna)
  6. ^ Talk Football (ed.). "Manchester United FC" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  7. ^ Kliem tradotti minn: "Gentlemen, why don't we call ourselves Manchester United?"
  8. ^ footballsite.co.uk (ed.). "1908 Charity Shield" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  9. ^ BBC News (ed.). "Munich Air Disaster" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  10. ^ "Cantona crown's United's season of Double delight" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |publikatur= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna); Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna)
  11. ^ a b BBC News (ed.). "United crowned kings of Europe" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  12. ^ Sports Illustrated (ed.). "Man United stands alone" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  13. ^ Sports Illustrated (ed.). "Two down, one to go" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  14. ^ "Other News in Soccer in 1999" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  15. ^ G14.com (ed.). "G-14's members" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  16. ^ "Ruud accuses Ferguson of betrayal" (bl-Ingliż). 07-09-2006. Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |publikatur= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  17. ^ Caroline Cheese (02-05-2007). BBC Sport (ed.). "AC Milan 3-0 Man Utd (Agg: 5-3)" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  18. ^ "Manchester United 4-3 Europe XI" (bl-Ingliż). 13-03-2007. Parametru mhux magħruf |publikatur= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  19. ^ "Man Utd 0-0 Tottenham (aet)". BBC Sport (bl-Ingliż). 01-03-2009. Parametru mhux magħruf |l-ewwel= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |l-aħħar= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |publikatur= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  20. ^ "Man Utd 0-0 Arsenal". BBC Sport (bl-Ingliż). 16-05-2009. Parametru mhux magħruf |l-ewwel= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |l-aħħar= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |publikatur= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  21. ^ BBC.co.uk (ed.). "Grey day for Manchester United" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  22. ^ Anthony Thomas (03-01-2007). Black-and-amber.co.uk (ed.). "Excuses, excuses, excuses" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  23. ^ historicalkits.co.uk (ed.). "History of Man Utd's Kit" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  24. ^ ManUtdZone.com (ed.). "A to Z of Manchester United - R" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  25. ^ prideofmanchester.com (ed.). "Manchester United kits" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  26. ^ Murphy, Alex (2006). "1878-1915: From Newton Heath to Old Trafford". F' Orion Books (ed.). The Official Illustrated History of Manchester United. p. 15. ISBN 0-7528-7603-1. Parametru mhux magħruf |belt= injorat (għajnuna)
  27. ^ ManUtdZone.com (ed.). "Old Trafford 1909-2006" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  28. ^ ManUtd.com (ed.). "First Team" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  29. ^ Endlar, Andrew. StretfordEnd.co.uk (ed.). "The Website of Dreams" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  30. ^ Daily Telegraph (ed.). "Bitter rivals do battle" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  31. ^ Manchester Evening News (ed.). "United's rivalries" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  32. ^ Sky Sports (ed.). "Liverpool v Manchester United preview" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)

Ħoloq esterni

Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA