Djémila
Djémila (bl-Għarbi: جميلة, b'ittri Rumani: Ǧamīlah, litteralment "is-Sabiħa"), li qabel kienet tissejjaħ Cuicul, huwa villaġġ żgħir fil-muntanji fl-Alġerija, qrib il-kosta tat-Tramuntana fil-Lvant tal-Alġier, fejn instabu wħud fost l-aqwa fdalijiet Rumani ppreservati fit-Tramuntana tal-Afrika. Jinsab fir-reġjun fil-fruntiera ma' Constantinois u Petite Kabylie (Basse Kabylie).
Fl-1982, Djémila tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, minħabba l-adattament uniku tiegħu tal-arkitettura Rumana għal ambjent muntanjuż.[1] Fost il-binjiet sinifikanti f'Cuicul tal-qedem hemm teatru, żewġ fora, tempji, bażiliki, arkati, toroq u djar. Il-fdalijiet ippreservati b'mod eċċellenti huma mdawra mal-forum tal-Harsh, li huwa pjazza kbira pavimentata b'daħla mmarkata b'arkata maestuża.
Cuicul Rumana
[immodifika | immodifika s-sors]Bl-isem ta' Cuicul, il-belt inbniet 900 metru (3,000 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar matul is-seklu 1 W.K. bħala gwarniġjon militari Ruman fuq promontorju triangolari dejjaq fil-provinċja ta' Numidja. L-art hija kemxejn imħarbta, peress li l-villaġġ jinsab fil-konfluwenza ta' żewġ xmajjar.
Il-bennejja ta' Cuicul segwew pjanta standard b'forum fiċ-ċentru u żewġ toroq prinċipali, Cardo Maximus u Decumanus Maximus, bħala l-assi ewlenin.[2] Inizjalment il-belt kienet popolata minn kolonja ta' suldati Rumani mill-Italja, u eventwalment kibret u saret suq kummerċjali kbir. Ir-riżorsi li kkontribwew għall-prosperità tal-belt essenzjalment kienu agrikoli (ċereali, siġar taż-żebbuġ u bhejjem tat-trobbija).
Matul ir-renju ta' Caracalla fis-seklu 3, l-amministraturi ta' Cuicul ġarrfu parti mill-ħitan antiki u bnew forum ġdid. Madwaru bnew binjiet ikbar u iktar impressjonanti minn dawk li kien hemm mal-forum ta' qabel. L-art imħarbta xekklet il-kostruzzjoni, għaldaqstant huma bnew it-teatru 'l barra mill-ħitan tal-belt, xi ħaġa pjuttost eċċezzjonali.
Il-Kristjaneżmu sar popolari ħafna fis-seklu 4 (wara xi persegwitazzjonijiet fil-bidu tas-seklu 3) u żdiedu bażilika u battisterju.[3] Dawn jinsabu fin-Nofsinhar ta' Cuicul f'kwartier imsejjaħ "Kristjan", u huma attrazzjonijiet popolari.
Mill-isqfijiet ta' Cuicul, Pudentianus ħa sehem fil-Kunsill ta' Kartaġni tal-255 rigward il-validità tal-magħmudija tal-eretiċi, u Elpidophorus ħa sehem fil-Kunsill ta' Kartaġni tat-348. Cresconius kien isqof Kattoliku li rrappreżenta lil Cuicul fil-Kunsill ta' Kartaġni tal-411 bejn l-isqfijiet Kattoliċi u Donatisti; l-isqof Donatist tal-belt miet qabel ma bdiet il-konferenza. Crescens kien wieħed mill-isqfijiet Kattoliċi msejħa mir-Re Arjan tal-Vandali, Huneric, biex imur f'Kartaġni fl-484. Victor kien preżenti fit-Tieni Kunsill ta' Kostantinopli fil-553.[4][5][6][7] Cuical ma baqatx veskovat residenzjali u llum il-ġurnata hija sede titulari tal-Knisja Kattolika.[8]
Bil-mod il-mod il-belt ġiet abbandunata wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman għall-ħabta tas-sekli 5 u 6. Taħt l-Imperatur Ġustinjanu I sar xi titjib u ġew imsaħħa l-ħitan.
Iktar 'il quddiem il-Musulmani ddominaw ir-reġjun, iżda ma reġgħux okkupaw is-sit ta' Cuicul, li semmewh Djémila.
Dokumentazzjoni tridimensjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dokumentazzjoni spazjali ta' Djémila tħejjiet matul żewġ proġetti fil-post tal-Proġett Zamani fl-2009,[9] li twettqu b'kooperazzjoni bejn il-Professur Hamza Zeghlache u t-tim tiegħu mill-Università ta' Setif, l-Alġerija, u l-Fondazzjoni tar-Riċerka Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel (NRF). Ġew dokumentati diversi strutturi, fosthom il-Battisterju, id-Daħla ta' Caracalla, is-Suq, it-Tempju ta' Septimius-servus u t-Teatru.[10]
Residenti notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]Diversi Afrikani Rumanizzati sinifikanti twieldu f'Cuicul:[11]
- Lucius Alfenus Senecio: gvernatur tal-Brittanja (mill-205 sal-207);
- Gaius Valerius Pudens: gvernatur tal-Britanja;
- Tiberius Claudius Subatianus Aquila: gvernatur tal-Mesopotamja u tal-Eġittu;
- Tiberius Claudius Subatianus Proculus: gvernatur tan-Numidja.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Djémila ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Panorama of Cuicul
-
The Macellum
-
The Arch of Caracalla
-
Forum laid out by Septimius Severus
-
It-Tempju ta' Gens Septimia.
-
Il-Kwartier Kristjan.
-
Iż-żona tal-magħmudija Kristjana.
-
Il-Mużew.
-
It-Teatru Ruman.
-
It-Teatru Ruman.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Djémila". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-19.
- ^ Djemila, Morocco, Algeria, & Tunisia, Geoff Crowther and Hugh Finlay, Lonely Planet, 2nd Edition, April 1992, pp. 298 - 299.
- ^ Monceaux, Paul (1920). "Martyrs de Djemila". Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres. 64 (4): 290–297.
- ^ A. Berthier, v. Cuicul, in Dictionnaire d'Histoire et de Géographie ecclésiastiques, vol. XIII, Paris 1956, coll. 1095–1097.
- ^ A. Berthier, v. Cuicul, in Dictionnaire d'Histoire et de Géographie ecclésiastiques, vol. XIII, Paris 1956, coll. 1095–1097.
- ^ J. Mesnage L'Afrique chrétienne, Paris 1912, pp. 283-284.
- ^ Stefano Antonio Morcelli, Africa christiana, Volume I, Brescia 1816, p. 147.
- ^ Annuario Pontificio 2013 (Libreria Editrice Vaticana 2013 ISBN 978-88-209-9070-1), p. 877.
- ^ "Site - Djemila". zamaniproject.org. Miġbur 2023-10-19.
- ^ "3D Heritage Models, with a Twist". www.geoweeknews.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-19.
- ^ Anthony R. Birley, Septimius Severus, the African Emperor, Éd. Routledge, ISBN 0-415-16591-1.