Santwarju Nazzjonali tal-Għasafar ta' Djoudj
Is-Santwarju Nazzjonali tal-Għasafar ta' Djoudj (bil-Franċiż: Parc national des oiseaux du Djoudj; pronunzja bil-Franċiż: [d͡ʒud͡ʒ]) jinsab max-xatt tax-Xlokk tax-xmara Senegal, fit-Tramuntana ta' Biffeche, fil-Grigal tal-Gżira ta' Saint Louis, is-Senegal.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Is-santwarju jipprovdi varjetà ta' ħabitats ta' artijiet mistagħdra li huma popolari ħafna fost l-għasafar tal-passa, ħafna minnhom wara li jkunu qasmu s-Saħara. Mill-kważi 400 speċi ta' għasafar, l-iżjed viżibbli huma l-pellikani u l-fjamingi. L-għasafar akkwatiċi żgħar li jpassu lejn is-santwarju mill-Ewropa huma inqas viżibbli; għalihom, is-santwarju huwa l-iżjed sit importanti ta' mistrieħ fix-xitwa li qatt ġie skopert sa issa.[1] Firxa wiesgħa ta' organiżmi selvaġġi jgħixu fis-santwarju, li fl-1977 tniżżel bħal art mistagħdra tar-Ramsar[2] u fl-1981 tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Fis-sena 2000 is-santwarju tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu minħabba l-introduzzjoni tal-pjanta invażiva ġganteska tas-salvinja, li kienet qed thedded li toħnoq il-veġetazzjoni nattiva tas-santwarju. Madankollu, is-santwarju tneħħa mil-lista tas-siti fil-periklu fl-2006.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Santwarju Nazzjonali tal-Għasafar ta' Djoudj ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]
Problemi ambjentali
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-bidu tat-tħaddim tad-Diga ta' Diama fix-xmara Senegal fl-1988, l-esperti osservaw tnaqqis fil-livell tal-ilma, desalinizzazzjoni u sedimentazzjoni. Il-bidliet jirrappreżentaw theddida għall-fawna u għall-flora tas-santwarju. B'mod partikolari kien hemm proliferazzjoni tal-ispeċijiet Typhas u Phragmites. Fuq ix-xellug, hemm immaġni satellitari meħuda min-NASA fl-1979 (qabel il-kostruzzjoni tad-diga) u fl-1999 (wara) li joħorġu fid-dieher l-impatt sinifikanti tad-diga fuq l-ekosistema tar-reġjun.
Fl-2006, għalkemm ma ġie rrapportat l-ebda każ ta' influwenza tat-tjur fis-Senegal, iddaħħal fis-seħħ programm ta' monitoraġġ.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Expedition solves Aquatic Warbler mystery". web.archive.org. 2007-02-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-02-24. Miġbur 2024-02-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Parc National des Oiseaux du Djoudj | Ramsar Sites Information Service". rsis.ramsar.org. Miġbur 2024-02-25.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Djoudj National Bird Sanctuary". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.