[go: nahoru, domu]

Aqbeż għall-kontentut

Papahānaumokuākea

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa ta' Papahānaumokuākea.

Papahānaumokuākea (pronunzjat: /pɑːpɑːˈhɑːnaʊmoʊkuˌɑːkeɪ.ə/), magħruf formalment bħala l-Monument Nazzjonali tal-Baħar ta' Papahānaumokuākea (bl-Ingliż: Papahānaumokuākea Marine National Monument; PMNM) huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] u monument nazzjonali tal-Istati Uniti, li jinkludi 583,000 mil kwadru (1,510,000 km2) ta' ilmijiet oċeaniċi, inkluż għaxar gżejjer u skolli tal-qroll tal-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii. Inħoloq f'Ġunju 2006 b'140,000 mil kwadru (360,000 km2) u tkabbar f'Awwissu 2016 billi l-konfini tiegħu tressqu sal-limitu taż-żona ekonomika esklużiva, u b'hekk sar waħda mill-ikbar żoni protetti fid-dinja.[2] Is-sit huwa magħruf b'mod internazzjonali għall-valuri kulturali u naturali tiegħu kif ġej:

Is-sit fih importanza kożmoloġika u tradizzjonali profonda għall-kultura ħajja tal-poplu nattiv ta' Hawaii, bħala ambjent anċestrali, bħala rappreżentanza tal-kunċett ta' fratellanza f'Hawaii bejn il-bniedem u d-dinja naturali, u bħala l-post fejn hemm it-twemmin li l-ħajja toriġina minn hemm u terġa' tispiċċa hemmhekk wara l-mewt. Fuq tnejn mill-gżejjer, Nihoa u Mokumanamana, hemm fdalijiet arkeoloġiċi marbuta mal-insedjament u mal-użu pre-Ewropew. Il-biċċa l-kbira tal-monument huwa magħmul minn ħabitats pelaġiċi u tal-ilma fond, b'karatteristiċi notevoli bħal muntanji tal-baħar u xtut taħt l-ilma, skolli estensivi tal-qroll u laguni.[1]

Rizza ħamra ta' Papahānaumokuākea.

Il-monument isostni 7,000 speċi u kwart minnhom huma endemiċi. Fost l-ispeċijiet prominenti hemm il-fekruna tal-baħar Eretmochelys imbricata fil-periklu ta' estinzjoni, il-fekruna tal-baħar mhedda Chelonia mydas, il-bumarin mhedded ta' Hawaii, l-isponsuni ta' Laysan u ta' Nihoa, il-pespus ta' Nihoa, il-papra ta' Laysan, għasafar tal-baħar bħall-albatross ta' Laysan, bosta speċijiet ta' pjanti inkluż il-palm Pritchardia, u bosta speċijiet ta' artropodi. Skont il-Fondi Fiduċjarji tal-Karità ta' Pew, il-popolazzjonijiet tal-awwisti ma rkuprawx mill-ħsad estensiv li sar fis-snin 80 u 90 tas-seklu 20, li issa huwa pprojbit;[3] ir-riżorsi tas-sajd li għad fadal jiġu mistada żżejjed, għalkemm is-sajd kummerċjali huwa pprojbit.[4]

Is-Servizz Nazzjonali tas-Sajd fil-Baħar (NMFS) irrapporta fl-2008 li bosta popolazzjonijiet ta' speċijiet ma rkuprawx għalkollox mill-bidla fuq skala kbira li seħħet fl-ekosistema oċeanika u li affettwat it-Tramuntana tal-Paċifiku lejn l-aħħar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20. Din il-bidla naqqset il-popolazzjonijiet ta' speċijiet importanti bħall-awwista xewkija, l-għasafar tal-baħar u l-bumarin ta' Hawaii. Il-monument jingħata protezzjoni ta' konservazzjoni stretta, b'eċċezzjonijiet għal użi tradizzjonali tal-poplu nattiv ta' Hawaii u turiżmu limitat.[5]

Il-monument ikopri bejn wieħed u ieħor 583,000 mil kwadru (1,510,000 km2) ta' skolli, gżejjer ta' skolli tal-qroll u baħar baxx u fond (sa 200 mil (320 km) lil hinn mill-kosta) fl-Oċean Paċifiku – ikbar mill-parks nazzjonali kollha tal-Istati Uniti f'daqqa.[6] Fih madwar 10 fil-mija tal-ħabitat tropikali tal-iskolli tal-qroll tal-baħar baxx (jiġifieri sa fond ta' 180 metru) fit-territorju Amerikan.[7] Huwa kemxejn ikbar mill-Iskoll il-Kbir tal-Qroll tal-Awstralja, fih bejn wieħed u ieħor daqs il-Ġermanja, u huwa daqsxejn iżgħar mill-Alaska.

Il-gżejjer inklużi fil-monument kollha kemm huma jagħmlu parti mill-Istat ta' Hawaii, għajr il-Gżejjer tal-Iskoll tal-Qroll ta' Midway, li jagħmlu parti miż-żona tal-gżejjer periferiċi minuri tal-Istati Uniti. Il-Mitjar ta' Henderson, fil-Gżejjer tal-Iskoll tal-Qroll ta' Midway, jipprovdi aċċess bl-ajru għall-monument.

Madwar 132,000 mil kwadru (340,000 km2) tal-monument jagħmlu parti mir-Riżerva tal-Ekosistema tal-Iskoll tal-Qroll tal-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii, li ġiet iddeżinjata fis-sena 2000. Il-monument jinkludi wkoll ir-Refuġju Nazzjonali tan-Natura Selvaġġa tal-Gżejjer tal-Iskolli tal-Qroll ta' Midway (590,991.50 akru (2,391.7 km2)) u l-Mafkar Nazzjonali tal-Battalja ta' Midway, is-Santwarju tal-Għasafar tal-Baħar tal-Istat ta' Hawaii fil-Gżejjer tal-Iskolli tal-Qroll ta' Kure, u r-Refuġju tal-Baħar Statali tal-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii.

Bħala sit imħallat b'riżorsi naturali u kulturali, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) ikkummentat fuq il-karatteristiċi naturali tal-monument, u l-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti (ICOMOS) ivvalutat l-aspetti kulturali tas-sit.

Amministrazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-pożizzjoni globali tas-siti kollha fis-sistema nazzjonali ta' santwarji tal-baħar tal-Istati Uniti.

Iż-żona oċeanika tal-monument tiġi amministrata mill-Amministrazzjoni Oċeanika u Atmosferika Nazzjonali (NOAA). Din tinkludi refuġji, santwarji u riżervi ddeżinjati ta' Hawaii u tal-Istati Uniti, kif ukoll imfakar b'amministrazzjoni separata.

Ir-Refuġju Nazzjonali tan-Natura Selvaġġa tal-Gżejjer ta' Hawaii, b'erja ta' 254,418.1 akru (397.53 mil kwadru; 1,029.6 km2) jiġi amministrat mis-Servizz tal-Ħut u tal-Organiżmi Selvaġġi tal-Istati Uniti (FWS).

Il-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii (bl-Ingliż: Northwestern Hawaiian Islands; NWHI) ġew protetti għall-ewwel darba fit-3 ta' Frar 1909, meta l-President tal-Istati Uniti Theodore Roosevelt ħoloq ir-Riżerva tal-Għasafar tal-Gżejjer ta' Hawaii permezz tal-Ordni Eżekuttiv Nru 1019, bħala rispons għall-qtil eċċessiv tal-għasafar tal-baħar, u bħala rikonoxximent tal-importanza tal-NWHI bħala siti fejn ibejtu l-għasafar tal-baħar. Il-President Franklin D. Roosevelt ikkonvertiha fir-Refuġju Nazzjonali tan-Natura Selvaġġa tal-Gżejjer ta' Hawaii fl-1940. Wara dan il-perjodu kien hemm sensiela ta' tkabbir inkrementali tal-protezzjoni, li wasslet għall-istabbiliment ta' Refuġju Nazzjonali tan-Natura Selvaġġa tal-Gżejjer tal-Iskolli tal-Qroll ta' Midway fl-1988, tas-Santwarju tan-Natura Selvaġġ tal-Gżejjer tal-Iskolli tal-Qroll ta' Kure fl-1993, u tar-Riżerva tal-Ekosistema tal-Iskolli tal-Qroll tal-NWHI fis-sena 2000.[8]

Albatrosses ta' Laysan u ta' denbhom qasir f'Papahānaumokuākea.

Il-President Bill Clinton stabbilixxa r-Riżerva tal-Ekosistema tal-Iskolli tal-Qroll tal-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii fl-4 ta' Diċembru 2000 permezz tal-Ordni Eżekuttiv Nru 13178. L-Ordni Eżekuttiv ta' Clinton beda proċess ta' deżinjazzjoni tal-NWHI bħala Santwarju Nazzjonali tal-Baħar. Fl-2002 kien hemm perjodu miftuħ għall-kummenti tal-pubbliku. Fl-2005, il-Gvernatur ta' Hawaii Linda Lingle ddikjarat partijiet mill-monument bħala refuġju statali tal-baħar.

F'April 2006, il-President George W. Bush u martu raw il-film dokumentarju Voyage to Kure fid-Dar il-Bajda flimkien mar-reġista tiegħu, Jean-Michel Cousteau. Mistagħġeb bl-eżemplari ta' flora u ta' fawna li ra fil-film, Bush minnufih ħadem biex iżid il-protezzjoni.[9][10][11]

Bumarin ta' Hawaii.

Fil-15 ta' Ġunju 2006, Bush iffirma l-Proklamazzjoni Nru 8031, sabiex l-ilmijiet tal-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii jiġu ddeżinjati bħala monument nazzjonali skont l-Att dwar l-Antikitajiet tal-1906. Permezz tal-użu tal-Att dwar l-Antikitajiet, ġie evitat il-perjodu normali ta' sena ta' konsultazzjonijiet u rażżan il-proċess ta' input mill-pubbliku eżatt qabel ma ġie ppubblikat l-abbozz ta' stqarrija dwar l-impatt ambjentali għas-Santwarju Nazzjonali tal-Baħar propost tal-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii. Dan kien it-tieni użu li Bush għamel tal-Att dwar l-Antikitajiet, wara d-dikjarazzjoni tal-Monument Nazzjonali tal-Art tad-Dfin tal-Afrikani f'Manhattan fi Frar 2006.[12] Il-proċess illeġiżlat għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-ippjanar u fil-ġestjoni ta' żona tal-baħar protetta diġà kien dam ħames snin, iżda l-istabbiliment ħesrem tal-NWHI bħala Monument Nazzjonali, minflok Santwarju, ipprovda protezzjoni iktar immedjata u reżiljenti. Il-protezzjoni hija revokabbli biss permezz ta' leġiżlazzjoni.[13]

Joshua Reichert ipproklama l-importanza tad-deżinjazzjoni fil-pront, billi qal:

L-istatus ta' monument huwa iktar veloċi u iktar komprensiv; u huwa iktar permanenti. Att tal-Kungress biss jista' jirrevoka deżinjazzjoni ta' monument. Il-proċess ta' santwarju jdum iktar u jinvolvi iktar input mill-Kungress, iktar dibattitu pubbliku, iktar smigħ u iktar laqgħat. U hu [George W. Bush] ovvjament illum ħa d-deċiżjoni li jagħmel pass qalbieni biex jinħoloq xi ħaġa immedjata, sabiex il-liġi tapplika minnufih għal dan il-post.

Dniefel jgħumu f'Papahānaumokuākea.

L-NWHI fl-imgħoddi kienu jirrappreżentaw kważi nofs il-ħatt lokali tal-ħut tal-qiegħ f'Hawaii. Is-sajd tal-ħut tal-qiegħ tal-NWHI kien limitat ħafna, bi tmien bastimenti tas-sajd, li kienu ristretti għal tul ta' 60 pied (18-il metru).[14][15] Frank McCoy, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kunsill tal-Ġestjoni tas-Sajd Reġjonali fil-Punent tal-Paċifiku stqarr:

Aħna sodisfatti li l-President jirrikonoxxi l-qagħda kważi mhux mittiefsa tal-ilmijiet tal-Gżejjer tal-Majjistral ta' Hawaii. Nemmnu li l-abbundanza u l-bijodiversità taż-żona jixhdu il-ġestjoni ta' suċċess tas-sajd tal-NWHI mill-Kunsill fl-aħħar 30 sena u jindikaw li s-sajd regolat b'mod xieraq jista' jsir fl-NWHI mingħajr ma jkollu impatt fuq l-ekosistema. L-ammont żgħir ta' sajd tal-ħut tal-qiegħ tal-NWHI ma xekkilx u mhux se jxekkel il-protezzjoni tal-NWHI li l-President Bush jixtieq jikseb permezz tad-deżinjazzjoni taż-żona bħala monument nazzjonali.[3]

Is-Servizz Nazzjonali tas-Sajd fil-Baħar ippubblika rapporti dwar is-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ. Ġie rrakkomandat li s-sajd kummerċjali u rikreattiv tal-ħut tal-qiegħ u tal-ħut pelaġiku jitkompla skont abbozz tal-2004 ta' protezzjonijiet tal-NOAA.

George W. Bush jiffirma l-proklamazzjoni għall-istabbiliment tal-monument fil-15 ta' Ġunju 2006.

Fis-27 ta' Frar 2007, il-President Bush emenda l-Proklamazzjoni Nru 8031, il-monument ingħata l-isem ta' "Papahānaumokuākea", ispirat mill-ismijiet tad-divinità ħallieqa femminili ta' Hawaii, Papahānaumoku, u r-raġel tagħha Wākea.

Fil-15 ta' Mejju 2007, il-President Bush ħabbar li kien beħsiebu jippreżenta l-monument għall-għoti ta' status ta' Żona Partikolarment Sensittiva tal-Baħar (PSSA), biex b'hekk "il-baħħara jiġu allertati biex ikunu kawti fiż-żona sensittiva u ekoloġikament importanti li jkunu deħlin fiha".[16] F'Ottubru 2007, il-Kumitat tal-Protezzjoni Ambjentali tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ddeżinja l-monument bħala PSSA. Is-sajd kummerċjali ntemm fl-2010.

Il-Panel ta' bejn l-Aġenziji Federali għas-Siti ta' Wirt Dinji ddeżinja l-monument bħala sit indikattiv f'Novembru 2008. Il-monument nazzjonali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2010 bħala "Papahānaumokuākea", fl-34 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji fi Brażilja.[17]

Ġlieba ħut aħmar f'Papahānaumokuākea.

Spedizzjoni tal-2010 fl-iskolli tal-qroll ta' Kure bagħtet bugħaddasa sa fond ta' 250 pied (76 metru) u ġew żvelati speċijiet ġodda ta' qroll u annimali oħra. L-Akkwarju ta' Waikiki ħa ħsieb il-kultivazzjoni ta' dawn l-ispeċijiet ġodda ta' qroll.[18]

Fit-3 ta' Awwissu 2015, xi bugħaddasa sabu r-relitt tal-Mission San Miguel (T-AO-129) tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti fi ħdan il-monument. Il-bastiment kien għereq hemmhekk fit-8 ta' Ottubru 1957, meta bis-saborra mimlija ħabat b'veloċità kbira ma' sikka fl-Iskoll tal-Qroll ta' Maro. Ir-riċerkaturi mmappjaw u studjaw ir-relitt fil-post.

F'Awwissu 2016, il-President Barack Obama kabbar l-erja tal-monument bi kważi erba' darbiet, sal-limiti taż-żona ekonomika esklużiva. Dak iż-żmien kienet l-ikbar żona tal-baħar protetta fid-dinja.[19][20]

Laysan Albatross spots a toothbrush
Matul jum annwali tat-tindif li sar fl-2015, tneħħew 705 xkupilji tas-sniem u oġġetti tal-iġjene personali mix-xtut ta' Papahānaumokuākea.

Fil-21 ta' Ottubru 2019, ir-relitt tal-bastiment li jġorr l-inġenji tal-ajru tal-Flotta Navali Imperjali Ġappuniża, Akagi, li għereq matul it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Battalja ta' Midway fl-4 ta' Ġunju 1942, instab fi ħdan il-monument mill-bastiment tar-riċerka Petrel.[21]

Fl-2020 ġiet skoperta speċi ta' alka li kienet qed toqtol irqajja' kbar ta' qroll.[22]

Fl-2022, studju rrapporta li ż-żona tal-baħar protetta kienet qed isservi bħala żona tat-tkabbir tat-tonn. Qrib ir-riżerva, il-qabdiet tat-tonn tal-pinna safra (Thunnus albacares) żdiedu b'54 % bejn l-2016 u l-2019, u l-qabdiet tat-tonn għajnu kbira jew obeż (Thunnus obesus) żdiedu bi 12 %. Il-qabdiet żdiedu l-iktar bejn 115-il mil sa 230 mil mill-konfini taż-żona.[23]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Papahānaumokuākea ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. ^ a b ċ d "Papahānaumokuākea". whc.unesco.org. Miġbur 2024-07-08.
  2. ^ "Hawaii Is Now Home to an Ocean Reserve Twice the Size of Texas". web.archive.org. 2018-11-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-11-16. Miġbur 2024-07-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ a b "Bush creates new marine sanctuary" (bl-Ingliż). 2006-06-15. Miġbur 2024-07-08.
  4. ^ "Lobster fishery remains battered | The Honolulu Advertiser | Hawaii's Newspaper". the.honoluluadvertiser.com. Miġbur 2024-07-08.
  5. ^ Polovina, Jeffrey J. (2005). "Climate variation, regime shifts, and implications for sustainable fisheries". Bulletin of Marine Science. 76 (2). Virginia Key, Miami, Florida: Rosenstiel School of Marine, Atmospheric, and Earth Science, University of Miami: 233–244. ISSN 0007-4977
  6. ^ Reichert, Joshua S.; Iv, Theodore Roosevelt (2006-06-15). "Opinion | Treasure Islands" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-08.
  7. ^ Rohmann, S. O.; J. J. Hayes; R. C. Newhall; M. E. Monaco; R. W. Grigg (November 2005). "The area of potential shallow-water tropical and subtropical coral ecosystems in the United States". Coral Reefs. 24 (3). Berlin: Springer: 370–383.
  8. ^ "Designation". web.archive.org. 2008-07-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-06. Miġbur 2024-07-08.
  9. ^ "President Bush Establishes Northwestern Hawaiian Islands National Monument". georgewbush-whitehouse.archives.gov. Miġbur 2024-07-08.
  10. ^ Angeles, Kenneth Weiss in Los (2006-06-16). "Turnaround as Bush creates huge aquatic Eden". The Sydney Morning Herald (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-08.
  11. ^ "Jean-Michel Cousteau : Ocean Adventures . Voyage to Kure | PBS". www.pbs.org. Miġbur 2024-07-08.
  12. ^ Revkin, Andrew C. (2006-06-15). "Bush Plans Vast Protected Sea Area in Hawaii" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-08.
  13. ^ "Jim Connaughton hosts Ask the White House". georgewbush-whitehouse.archives.gov. Miġbur 2024-07-08.
  14. ^ "National Marine Fisheries Service - Pacific Islands Regional Office". web.archive.org. 2010-05-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-05-27. Miġbur 2024-07-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ "Papahanaumokuakea Marine National Monument". www.papahanaumokuakea.gov. Miġbur 2024-07-08.
  16. ^ "President's Statement on Advancing U.S. Interests in the World's Oceans". georgewbush-whitehouse.archives.gov. Miġbur 2024-07-08.
  17. ^ "Inscription on the WH list". whc.unesco.org. Miġbur 2024-07-08.
  18. ^ "Coral Programs" (bl-Ingliż). 2013-11-12. Miġbur 2024-07-08.
  19. ^ Eagle, Nathan (2016-08-26). "Obama Creates World's Largest Protected Marine Area Off Hawaii". Honolulu Civil Beat (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-08.
  20. ^ "Fact Sheet: President Obama to Create the World's Largest Marine Protected Area". whitehouse.gov (bl-Ingliż). 2016-08-26. Miġbur 2024-07-08.
  21. ^ Magazine, ARGunners (2019-10-21). "RV Petrel discovers the IJN Flagship AKAGI and Aircraft Carrier KAGA | Argunners Magazine" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-08.
  22. ^ independent, Associated Press The Associated Press is an; City, not-for-profit news cooperative headquartered in New York (2020-07-08). "Aggressive new seaweed is killing coral reefs in remote Hawaiian island chain". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-08.
  23. ^ Koop, Fermin (2022-10-21). "Protecting marine areas helps both fish and fishermen". ZME Science (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-08.